Messagg mill-President

 
 

 

Għeżież soċi u ħbieb tas-Soċjetà Sant’ Andrija, insellmilkom,

Għal darb’ oħra l-Kumitat ħaseb biex joħroġ dan il-ktieb annwali biex jagħti rendikont tat-tmexxija ta’ din is-Soċjetà.  Is-Soċjetà Sant’ Andrija twaqqfet bil-għan li fil-Festa tas-Salvatur tagħti dak kollu possibbli biex tkun festa sabiħa u kif jixraq, u bl-għan ukoll li s-soċi ta’ din is-Soċjetà jkunu jistgħu jqattgħu l-ħin liberu tagħhom flimkien f’ambjent san u familjari.

Il-Kumitat din is-sena reġa’ ħa l-inkarigu li jġib żewġ baned idoqqu fil-festa – il-Banda Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa għall-Ewwel Tridu u l-Banda San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar għat-Tieni Tridu. Ħadna ħsieb ukoll li għal din is-sena nkomplu fejn ħallejna s-sena l-oħra fejn jidħol armar tal-festa.  Bħal ma tafu s-sena l-oħra żanżanna statwa ta’ Kristu Salvatur isejjaħ l-ewwel Appostlu Sant’ Andrija.  Din ġiet armata fil-pjazza ta’ quddiem il-każin fuq pedistall li kien għadu miżbugħ abjad. Din is-sena sejrin tarawh ferm differenti, peress li dan il-pedistall ġie rħamat biż-żebgħa b’sengħa kbira mis-Sur Geoffrey Cachia, membru ħabrieki tas-Soċjetà tagħna. Il-pedistall ġie wkoll iddekorat kif xieraq mill-iskultur bravu s-Sur James Azzopardi minn Nadur, Għawdex.

Fejn jidħol l-andament tal-Każin, ħdimna mhux hażin ukoll. Għal darb’ oħra middejna jdejna għax-xogħol u fost affarijiet oħra wettaqna diversi xogħlijiet. Fejn kien maħżen tal-armar biddilnieh fi kċina kompluta u armata b’kollox, komda u sabiħa li taqdi l-bżonnijiet għall-attivitajiet li jsiru fil-każin. Żewġt ikmamar oħra ġew irranġati biex iservu ta’ mħażen wieħed għall-armar tal-festa u l-ieħor għax-xorb tal-bar tal-każin.  Kamra oħra, dik li qabel kienet kċina, inbidlet f’toilet ieħor għall-irġiel.  Dan ix-xogħol sar kollu mill-membri tas-Soċjetà tagħna. Nieħu din l-okkażjoni biex f’isem il-kumitat ngħid grazzi ħafna lil dawk id-ditti li tawna l-materjal u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnunna tagħhom biex seta’ jsir dan ix-xogħol.

Fl-aħħar, u żġur mhux lanqas, nixtieq ngħid grazzi lill-benefatturi kollha li bis-sehem tagħhom din is-Soċjetà qiegħda żżomm il-pass maż-żminijiet ta’ llum u tħares ’il quddiem b’ottimiżmu.

Nagħlaq billi minn qalbi nawgura l-festa t-tajba lil kulħadd.

 

 

Joseph Portelli
President

 
     
 
Messagg mis-Segretarju tas-Socjeta`
 

Hekk kif tkun għaddiet il-festa, il-ħidma tal-kumitat tiffokka fuq is-suċċess tal-festa, u bħala individwi reponsabbli mit-tmexxija tas-Soċjetà, nannalizzaw f’hiex inkunu morna tajba u fejn stajna morna aħjar. Dan nagħmluh għax irridu nagħtu l-aqwa servizz lill-komunità tagħna.  Dejjem naraw kif nistgħu nagħmlu l-affarijiet aħjar u għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. 

Il-kumitat ikun ilu jaħdem minn wara l-festa tas-sena l-oħra: jippjana u jara li jkun hemm il-fondi meħtieġa permezz ta’ l-attivitajiet li jorganizza tul is-sena kollha biex inkunu nistgħu niċċelebraw festa xierqa kif dejjem għamilna. Dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni tal-festa, jagħmlu dan b’sens ta’ sagrifiċċju kbir u b’mod volontarju.  U għalhekk għandna nkunu grati u ngħinu kemm nistgħu.  Wieħed ma jkun qed jgħid xejn ġdid meta ngħidu li fid-dinja mgħaġġla ta’ llum, qed issir dejjem aktar diffiċli biex individwi jsibu ħin liberu biex jgħinu fil-volontarjat.  Iżda bl-għajnuna ta’ kulħadd is-Soċjetà tagħna baqgħet għaddejja bil-ħidma kontinwa tagħha b’numru sabiħ ta’ attivitajiet.

Fil-festa tas-sena l-oħra, fakkarna l-għaxar anniversarju mill-ħatra tas-Sur Joseph Portelli bħala President tas-Soċjetà.  Hawnhekk irrid pubblikament nirringrazzja lill-Każini u individwi li ppreżentaw rigali għal din l-okkażjoni.  Fil-marċ ta’ l-ewwel tridu, is-Soċjetà żanżnet l-istatwa ġdida tas-Sejħa ta’ Sant’ Andrija Appostlu minn Kristu Salvatur.  Statwa tassew meravilja li għaxxqet il-pjazza ta’ quddiem il-każin. L-inawgurazzjoni ta’ din l-istess statwa kienet spettakolari, bil-banda mistiedna tas-Soċjetà ddoqq l-innu tal-Każin filwaqt li l-President, il-membri tal-kumitat, flimkien mas-Sindku, jikxfu u jinawguraw l-istatwa flimkien ma’ logħob tan-nar li nħaraq għall-okkażjoni. Smajna diversi kummenti sbieħ dwar l-istatwa, kif ukoll l-organizzazzjoni li kien hemm.  Dan jawgura tajjeb ħafna għall-futur, fejn b’ħidma kollettiva u b’sens ta’ responsabbiltà ngħid li s-Soċjetà tagħna f’dawn l-aħħar snin għamlet passi ta’ ġgant.  F’Ħal Lija ilu żmien twil ma tiġi nawgurata statwa ġdida bħala parti mill-armar tal-festa.  Kulħadd jaf xi spejjeż kbar jinvolvu dawn l-affarijiet, iżda bi pjaċir ngħid li s-Soċjetà bl-attivitajiet kontinwi li qed tagħmel qed tlaħħaq sewwa ma’ l-ispejjeż tal-festa u aktar minn hekk.  Dan kollu hu dovut għall-ħidma għaqlija tal-kumitat li jagħraf juża tajjeb ir-riżorsi li għandu. Din is-sena se naraw din l-istatwa kompluta b’kollox bil-pedistall irħamat b’mod professjonali mis-Sur Geoffrey Cachia, membru ħabrieki tas-Soċjetà u grada li ddawwar l-istess pedistall.  Grazzi Geoffrey u lil dawk kollha li għenuh f’dan ix-xogħol metikoluż.  Bil-ħidma tiegħek qed tagħmel unur kbir lil Ħal Lija u lis-Soċjetà tagħna.

Wara l-festa tas-sena l-oħra, ir-raħal tagħna ġarrab telfa kbira.  Telfa li nisslet dieqa f’kull min għandu sens ta’ identità ma’ dan ir-raħal.  Twanny, eks-Segretarju ta’ l-Għaqda tan-Nar San Mikiel, miet f’inċident tan-nar proprju ftit jiem qabel il-ftuħ tal-presepju ħaj organizzat mis-Soċjetà tagħna.  Inċident li nistgħu ngħidu ħasad mhux lir-raħal tagħna biss, iżda lill-pajjiż kollu, għax kulħadd kien jaf b’liema dedikazzjoni u dixxiplina Twanny kien jaħdem il-logħob tan-nar.  Il-Kumitat bl-akbar responsabbiltà ddeċieda li jħassar l-attivitajiet kollha konnessi mal-festi tal-Milied inkluż il-presepju ħaj.  Dan għamlu b’sens ta’ rispett u luttu lejn Twanny, li minbarra li kien Segretarju ta’ l-Għaqda tan-Nar, kien ukoll membru tas-Soċjetà tagħna.  Din ma kienet deċiżjoni faċli xejn.  L-armar tal-presepju kien diġà fi stadju avvanzat.  Barra minn hekk il-preparamenti tar-riklami u l-ktieb tal-Milied kienu fi stadju avvanzat. Twanny kien jiġi ta’ sikwit il-każin tas-Soċjetà jiddiskuti mal-President u l-membri preżenti dwar l-andament tax-xogħol tal-logħob tan-nar.  Minn hawn f’isem is-Soċjetà nsellem il-memorja ta’ Twanny: Grazzi Twanny... il-memorja tiegħek ma tintesa qatt!

F’Jannar kellna l-Laqgħa Ġenerali Annwali, li għal darb’oħra rajna uċuħ ġodda jikkontestaw għall-kumitat.  Hawnhekk nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja mill-qalb lill-uffiċjali u l-membri kollha tal-kumitat tax-xogħol u l-ħin li jagħtu b’dedikazzjoni għas-Soċjetà tul is-sena kollha.  Matul din is-sena sar ħafna xogħol fil-każin mill-membri stess u għalhekk iffrankajna ħafna flus.  Xogħol ta’ manutenzjoni kontinwu, fosthom irrid nsemmi li saru toilets ġodda u kċina ġdida kompluta b’kollox biex taqdi l-ħtiġijiet tal-każin fl-attivitajiet li jorganizza tul is-sena.

Rigward il-festa ta’ din is-sena, iddeċidejna li nkomplu nibnu fuq is-snin ta’ qabel.  Din is-sena l-istatwa li nawgurajna s-sena l-oħra se tkun lesta minn kollox.  Minbarra hekk, ġie deċiż li l-marċ ta’ l-ewwel tridu jidħol kemm in-naħa tal-Kampu kif ukoll in-naħa tal-Mirakli, biex hekk naqtgħu l-anomalija darba għal dejjem li sena jgħaddi minn naħa u sena jgħaddi minn naħa oħra.  Aħna nifhmu li kulħadd jikkontribwixxi għall-festa u kulħadd ikun irid li l-marċ jgħaddi minn quddiem id-dar tiegħu, però wieħed irid jifhem li hemm ċertu restrizzjonijiet.  Madankollu bir-rieda tajba ta’ kulħadd hemm soluzzjoni għal kollox, u nispera li din is-sena jerġa’ jkollna marċi sbieħ, baned armati sewwa kif dejjem kellna biex inferrħu lill-poplu ta’ Ħal Lija u lil dawk kollha li jiġu jżuruna f’dawn il-jiem ta’ festa.

Nagħlaq dan il-messaġġ b’ringrazzjament lill-President u l-kumitat tax-xogħol fejjiedi tagħhom b’risq is-Soċjetà. Nestendi r-ringrazzjamenti tiegħi lill-Kappillan u l-kleru tal-parroċċa li dejjem sibniehom ta’ għajnuna u nawgurawlhom kull suċċess fil-ħidma pastorali tagħhom. Nirringrazzja mill-qalb lis-Sindku u l-kunsillieri tal-Kunsill Lokali Ħal Lija li dejjem sibnihom ta’ għajnuna f’kull attività li organizzajna.

Insellem u nawgura l-Festa t-Tajba lil kulħadd, speċjalment lil dawk li f’dawn il-jiem ta’ ferħ ma jistgħux jiċċelebraw dan l-ispirtu tal-festa magħna.

Grazzi ħafna.

Viva s-Salvatur!

Stephen Azzopardi B.Ed.(Hons.)
E-Mail:sa@maltanet.net

 
 

Messagg mill-Kaxxier

 
 

Awissu rega maghna u dan ifisser li ghaddiet sena ohra! Sena mimlija attivitajiet. Sena li tatna diversi esperjenzi sbieh kif ukoll sena li dewqitna ftit l-imrar tal-hajja!

Sinjal car ta` Socjeta hajja u attiva huwa n-numru sabih t’attivitajiet li jigu organizzati matul is-sena. Kuljum naraw x’se nivvintaw biex is-Socjeta timxi l-quddiem fuq il-passi ta` dawk ta` qabilna. Hargiet kulturali u rekrejattivi, ikliet, u elf haga ohra li jzommu l-Kazin centru t’attivita`. Is-Socjeta` taghna dejjem hadmet u hadet l-inizjattiva biex itella u torganizza attivitajiet godda gewwa HaL Lija. Attivitajiet li dejjem kienu success! Xhieda ta’ dan is-success huwa l-fatt li ghaqdiet ohra gewwa Hal Lija segwew l-ezempju taghna u issa qed jorganizzaw attivitajiet simili huma! Dan huwa sinjal li r-rahal taghna u rahal haj u attiv. Pero wiehed irid joqghod attent li ma jesagerax!

Biex  izomm il-kazin f’kundizzjoni tajba u aggornat maz-zminijiet u mal-bzonnijiet ta kuljum, trid bilfors taghmel hafna spejjes! Din is-sena hadna hsieb li naghtu spinta l-manutanzjoni tal-kazin biex issa jista jitgawda ahjar mill-membri u l-mistednin taghhom. Hawnhekk ma nistax ma nirringrazzjax lill-membri l-ohra shabi li jigu volontarjament jghatu daqqa t’id f’dawn ix-xoghlijiet. Li kieku ma kienx ghall-energija u s-sagrificcju personali ta’ dawn il-menbri, zgur li l-kazin kien ikun mejjet u l-ispejjes ikunu akbar!

Facli tonfoq! Izda minn x’imkien, l-ispejjes iridu jingabru, inkella ma tkunx tista tkompli timxi l-quddiem! Trid toqghod attent li ma taghmilx izjed milli tiflah! Id-dhul principali tas-socjeta` huwa mil bar tal-kazin. Kif sar f’dawn l-ahhar 128 sena il-bar tal-kazin dejjem tmexxa mill-membri tal-kumitat li b’sagrificcju personali jigu kuljum biex jifthu l-bar. Mhux facli taghmel dan matul is-sena pero huwa izjed difficli li taghmel hekk fiz-zmien il-festa! Kulhadd jiehu pjacir igawdi l-marci u n-nar! Ghalhekk inheggigkom biex taghmlu uzu mill-bar tal-kazin mhux biss fil-festa imma matul is-sena kollha. Fl-ahhar mill-ahhar, bil-flus li intom tonfqu fil-bar tkunu qed tibnu l-futur tas-Socjeta` taghna.
 
Ma nistax naghlaq dan il-messagg u ma nirringrazzjax lil membri u l-poplu kollu ta` Hal Lija talli jikkonkorri meta s-soceta` torganizza xi attivita`. Ringrazzjament misthoqq immur ukoll lill-kunsill Lokali kif ukoll l-ghaqdiet kollha ta` Hal Lija tal-koperazzjoni li dejjem insibu minn ghandhom. Nixtieq nirringrazzja ukoll lil dawk id-ditti li jirreklamaw f’dan il-fuljett u li jtuna l-ghajnuna taghhom kull meta nigu bzonnom.

Nappella lil kulhadd biex fil-jiem tal-festa, kulhadd igib ruhu sew u jimxi mal-istruzzjonijet tal-awtoritajiet kompetenti. B’hekk biss nuru kemm il-poplu ta` Hal Lija kapaci jkollu festa kbira f’gieh Kristu Salvatur!

Nixtieq infakkar lil dawk li ghadhom ma hallsux il-mizata ghal din is-sena biex jiedhu l-okkazzjoni fil-jiem tal-festa u jghamlu dan. Nappella wkoll biex tkunu generuzi maghna biex b’hekk inkomplu nkabbru l-festa tas-Salvatur.

Filwaqt li nheggigkom tattendu u tgawdu l-attivitajiet li s-socjeta hejjiet ghal dawn il-jiem tal-festa, nixtieq nawguralkom il-festa t-tajba u j’Alla Gesu Salvatur izomm idejh fuqna u fuq r-rahal twelidna Hal Lija!

 

Ian Giordimaina
Kaxxier

 
Messagg mid-Direttur Spiritwali
 
 

Il-festa tas-Salvatur tressaqna aktar lejn xulxin biex nifirħu flimkien. Il-ferħ tagħna għandu jkun ferħ qaddis. Qaddis għax mibni fuq l-imħabba. L-imħabba tgħaqqadna ħaġa waħda biex naħdmu flimkien għall-glorja tas-Salvatur. Ġesù hekk irid jarana nifirħu b’ferħ qaddis. U għax m’għandux ikun hekk f’Soċjetà! Fl-imħabba hemm is-saħħa; fl-imħabba hemm il-maturità; fl-imħabba hemm il-qlubija; fl-imħabba hemm is-sagrifiċċju; fl-imħabba hemm il-kuraġġ. Jekk trid tgħix ħobb; jekk trid tirnexxi ħobb. M’hemmx irġulija fejn m’hemmx imħabba. Għax l-imħabba twarrab it-tilwim; l-imħabba twarrab l-ambizzjoni, kif il-ħall igerrex in-naħal, hekk ukoll l-għasel jiġbed in-naħal. L-imħabba hija attraenti bħal kalamità.

Fil-Każin ta’ Sant’ Andrija ssaltan din l-imħabba. Kif ix-xemx tibda turi minn filgħodu u ssaħħan ma’ tul il-jum, hekk l-imħabba fil-każin tibda turi kif tersaq lejh.  Kif il-ġenituri jibdew iħobbu l-uliedhom sa minn twelidhom, hekk l-imħabba fil-każin tibda minn kmieni u tkompli tissaħħaħ ma’ tul iż-żmien. L-imħabba m’għandiex waqfien. Għalkemm f’xi ħin jista’ jinqala’ xi għawġ, dan malajr jissewwa għax l-imħabba tfejjaq il-ferħ. Hienja dawk li jnisslu l-imħabba. Fl-imħabba ngħix u bħal l-aħwa ngħixu fil-paċi ma’ kulħadd.

 

Dun Salv Sammut
Direttur Spiritwali

 
Website designed and maintained by Alistair Lowell.
COPYRIGHT Socjeta` Sant` Andrija Lija - Malta (2006)