Presepju Ħaj 2018

Is-Soċjetà Sant’ Andrija flimkien mas-Soċjetà Mużikali San Pio X f’Ħal Lija se jtellgħu edizzjoni oħra tal-Presepju Ħaj.

L-ewwel Presepju Ħaj ġewwa Ħal Lija jmur lura lejn is-snin 50, meta l-ewwel Presepju Ħaj kien organizzat minn Dun Anton Ebejer. Dan il-qassis minn Ħal Lija, li kien jieħu ħsieb l-Azzjoni Kattolika, flimkien nisa u rġiel mir-raħal, kienu organizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Presepju Ħaj fil-ġnien tal-Knisja l-Qadima tas-Salvatur.

Fis-snin ta’ wara l-Presepju Ħaj kien sar f’parti mill-ġnien ta’ Villa Gourgoun li tinsab quddiem il-knisja parrokkjali, fejn illum hemm it-triq ta’ quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija fit-triq tat-Torri Belvedere meta dak iż-żmien kien għadu ġnien. Snin wara beda jsir fis-sala principali tal-Każin tal-Banda San Pio X, u ftit tas-snin wara reġa’ beda jiġi organizzat mis-Soċjetà Sant Andrija fit-triq prinċipali ta’ ħdejn is-sede tal-istess Soċjetà.

Wara li kien waqaf milli jittella’ għal xi snin, is-Soċjetà Sant’ Andrija flimkien mas-Soċjetà Muċikali Kaċin Banda San Pio X ħadu l-inizjattiva u ngħaqdu flimkien biex jorganizzawh. Għal dan il-għan kienu rranġaw mas-sidien ta’ razzett antik li hemm fi Triq Robert Mifsud Bonnici, it-triq tal-iskola primarja ta’ Ħal Lija fejn dan ir-razzett ġie trasformat biex ikun jixbah lir-raħal ta’ Bethlehem.

Bl-ambjent maħluq, dawk in-nies kollha li sejrin jattendu dan il-presepju, se jittieħdu lura fis-snin u se jgħixu l-ħajja ta Bethlehem fejn sejrin jiltaqgħu mal-mastrudaxxa, il-ħadid, u l-furnar, fost oħrajn. Se jkun hemm diversi annimali u anke nixxiegħa tal-ilma li flimkien ma’ mitħna, ikomplu jagħtu lill-viżitaturi l-impressjoni tar-raħal ta’ Bethlehem kif kien dak fiż-żmien meta seħħet il-ħrajja qaddisa. Fil-fatt, il-qofol ta’ dan il-Presepju Ħaj huwa l-Bambin Ġesù fil-maxtura flimkien ma’ Marija u Ġużeppi flimkien mal-baqra u l-ħmara.

Ħinijiet tal-ftuħ

Is-Sibt, 8 ta’ Diċembru, mis-6pm-8pm

Il-Ħadd, 9 ta’ Diċembru, mit-3.30pm sat-8.30pm.

Il-Ħamis, 13 ta’ Diċembru, mit-3.30pm sat-8.30pm

Is-Sibt, 15 ta’ Diċembru, mis-6pm sat-8pm

il-Ħadd, 16 ta’ Diċembru, mit-3.30pm sat-8.30pm

Is-Sibt, 22 ta’ Diċembru, mis-6pm sat-8pm

Il-Ħadd, 23 ta’ Diċembru, mit-3.30pm sat-8.30.m

u t-Tlieta, 25 ta’ Diċembru, mit-3.30pm sat-8.30p.m.

Top